Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista u Ewroparlamentari Alex Agius Saliba, akkumpanjat mid-Deputata Ramona Attard, żaru l-kumpanija rinomata lokali eCabs f’San Ġiljan.
Hawnhekk kellhom l-opportunità jsegwu mill-qrib it-teknoloġija moderna li qed tintuża mill-kumpanija fl-amministrar tal-vjaġġi tagħha, waqt li ġiet spjegata l-ħidma kontinwa fl-uffiċini tagħha 24 siegħa kuljum, b’nies professjonali u reali, bla ebda użu ta’ chatbot.
Iż-żjara bdiet fl-uffiċini ċentrali tal-eCabs, minn fejn titmexxa l-operazzjoni sħiħa.
Ġie spjegat kif, fl-istess uffiċini, 17-il sena ilu fil-bidu tagħha, l-operat tal-kumpanija kien isir kollu bit-telefown, waqt li llum il-ġurnata huma biss bejn 10% u 15% tar-rikbiet ordnati b’dan il-mod u l-bqija permezz tal-app tagħha.
Dan meta hu stmat li l-kumpanija twettaq mal-10,000 vjaġġ, fil-maġġoranza assoluta jew 80% ikunu minn Maltin.
Sadanittant ir-rappreżentanti tal-Partit Laburista wkoll żaru t-taqsima eCabs Technologies Ltd fejn f’dan iċ-ċentru qed jiġu offruti s-servizzi lil pajjiżi oħrajn b’teknoloġija żviluppata lokalment.
Matthew Bezzina, il-fundatur u Kap Eżekuttiv ta’ eCabs Technologies Ltd, spjega aħjar din il-ħidma ma’ ONE News.
“eCabs Technologies ġiet imwielda minn eCabs, il-kumpanija li kulħadd jaf f’Malta, u ġiet imwielda minħabba l-bżonn li nkomplu ninvestu fit-teknoloġija biex inkunu nistgħu nikkompetu f’Malta. Eventwalment indunajna li mhux f’Malta biss, imma f’kull pajjiż u f’kull belt, mhux fl-Ewropa biss imma fid-dinja, hemm bżonn dik it-tip ta’ teknoloġija.”
Id-Deputat Mexxej Laburista enfasizza dwar dak li kapaċi ssarraf il-bżulija tal-Maltin, inkluż bi pjattaforma simili li qed tikseb suċċess barra minn xtutna.
“Illum il-ġurnata, il-pjattaforma li ħoloq dan it-tim ta’ Maltin li telqu b’żewġ vetturi biss, qegħda tintuża fi 12-il pajjiż minn madwar id-dinja, mhux biss fl-Ewropa u f’14-il belt differenti, u dan kollu l-ewwel nett juri l-kapaċità li għandu l-ħaddiem Malti, l-investitur Malti, li ra li mhux biss jikber f’Malta lokalment bil-kompetizzjoni u bid-diffikultajiet kollha li dan is-settur qed joffri, imma kienu kapaċi wkoll jinfiltraw swieq kemm fuq bażi Ewropea, imma saħansitra fl-Amerka t’Isfel.”
